10.3.08

Grazzi

Għeżież ħbieb,

Dan huwa mument mill-aktar emozzjonanti li ma nistax ma naqsmux magħkom li bil-vot tagħkom għamiltuh possibbli.

Il-fiduċja tagħkom timlini b'responsabbiltà biex għal dawn il-ħames snin li ġejjin nagħmel l-almu kollu tiegħi - bħala rappreżentant Għawdxi fil-Parlament ta' pajjiżna - biex nara lill-gżira tagħna timxi 'l quddiem u biex l-Għawdxin kollha - mingħajr distinzjoni - igawdu mill-progress li rridu noħolqu.

F'mument bħal dan ippermettuli ngħid grazzi.

Grazzi lil dawk il-mijiet ta' Għawdxin li appoġġawni u tawni l-fiduċja tagħhom. Onorajtuni b'mod li diffiċli tiddeskrivih.

Grazzi lil dawk l-għexieren ta' voluntiera li għenuni nwassal il-messaġġ tiegħi u li kienu ta' appoġġ kontinwu tul kampanja elettorali impenjattiva.

Grazzi mill-qalb lil dawk li għarblu u rriflettew qabel xeħtu l-vot tagħhom.

Grazzi lil sħabi l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li ħdimna flimkien għal għan wieħed. U grazzi lill-kandidati l-oħra kollha li ħadmu biex dan l-eżerċizzju demokratiku seta' jkun suċċess.

Iżda ma nistax, f'dan il-mument, ma naħsibx ukoll f'dawk l-eluf ta' Għawdxin li llejla jħossuhom iddiżżappuntati għaliex il-partit tagħhom ma ġiex elett. Lil dawn ngħidilhom biss ħaġa waħda - lil hinn mill-pika elettorali aħna lkoll poplu wieħed li nixtiequ naraw lil pajjiżna miexi biss 'il quddiem. Fil-Parlament Malti se nitkellem f'isem l-Għawdxin kollha u s-suċċess tagħna se jkun is-suċċess tal-poplu. Fuq nett ta' l-aġenda tagħna għandu jkun hemm li ħadd ma jħossu eskluż jew imwarrab. Kulħadd għandu jsib postu fil-programm ta' ħidma tagħna. Kulħadd għandu x'joffri u kulħadd huwa importanti. Kif qal il-Prim Ministru llum stess se nkunu l-Gvern tal-poplu kollu. Gvern li ma jrid lil ħadd jaqa' lura.

B'ħames snin oħra ta' Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru konvint li pajjiżna se jgħaddi minn żmien ta' prosperità, fejn inkomplu nagħmlu l-qabża fil-kwalità, noħolqu iżjed xogħol, insaħħu s-servizzi tas-saħħa, insebbħu l-ambjent, nattiraw iżjed turiżmu u investiment u noffru lil uliedna l-aqwa servizzi edukattivi biex huma wkoll jimxu 'l quddiem u jaħtfu opportunitajiet ġodda.

Din hija rebħa għall-poplu Malti. Rebħa għad-demokrazija. Għall-valuri li jgħaqqduna u għall-ideali li jressquna flimkien.

Tagħkom,

Chris