2.3.08

L-għażla



Wara disa' snin Sindku tan-Nadur inħoss li wasal iż-żmien li nagħmel il-pass li jmiss. Nixtieq ikolli l-opportunità li naħdem għall-ġid ta' Għawdex kollu. Nemmen li nista' nagħti sehmi biex Għawdex ikompli miexi 'l quddiem.

Meta ftit tax-xhur ilu l-Unjoni Ewropea għażlet lin-Nadur bħala waħda mill-aqwa għaxar destinazzjonijiet rurali emerġenti fl-Ewropa, ma stajniex jien u sħabi ma niddedikawx il-premju lir-residenti kollha tal-lokalità. Għax biex jitwettaq pjan ta' ħidma intensiv, bħal dak li wettaqna fin-Nadur, kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed. Kulħadd irid iħossu parti minn proġett. Kulħadd irid iħossu utli. U - fuq kollox - kulħadd irid ikun entużjast. Kien għalhekk li ftaħna beraħ il-bibien għal kull min kellu x'joffri. Għal kull min ħass li jista' jgħin. Għal kull min nibtitlu idea. Għal kull min ma kellux ideat imma xtaq jaħdem biex l-idea ta' ħaddieħor tirnexxi. Fassalna miri għolja u f'temp ta' ftit snin kulħadd ra l-bidla sseħħ. Għax wara li lestejna dak li l-iżjed kien meħtieġ - toroq, sistemi ta' traffiku, indafa u organizzazzjoni - dorna għal potenzjali moħbija. Fejn kien hemm għelieqi mhux maħduma, imlejnihom siġar. Fejn kien hemm widien mimlija frott, niżżilna t-turisti jimxu fihom biex jammiraw dak li jagħmel lil Għawdex meraviljuż. Fejn kien hemm it-talent, kxifnieh u ħeġġiġnieh. Fejn kien hemm fortifikazzjonijiet, irrestawrajnihom. Fejn kellna xi ħaġa differenti minn ta' ħaddieħor - irreklamajniha. Għamilna l-karnival tan-Nadur l-akbar avveniment xitwi f'Għawdex. Ġibna għadd ta' konferenzi minn barra, fosthom dik tal-Fondazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival, li bis-saħħa tagħha għamilna l-karnival tagħna magħruf madwar l-Ewropa.



Kellna postijiet mitluqa li bdilnihom fi playing fields, ġonna u beleveders, b'veduti mill-isbaħ. Ħloqna avvenimenti annwali, apparti l-karnival, li jattiraw eluf ta' nies. Għinna lill-istudenti tagħna jitgħallmu iżjed. Investejna fil-kotba, fl-edukazzjoni, fit-tagħlim u fl-isport. Ksejna l-grawnds tal-futbol tal-lokalità bil-ħaxix artifiċjali biex nattiraw iżjed tfal u żgħażagħ lejn l-isport. Naddafna l-bajjiet u żidna l-faċilitajiet għal dawk li jkunu qed igawduhom. Bnejna ħbiberiji ma' lokalitajiet oħra Ewropej b'ġemellaġġi u assoċjazzjonijiet u ħtafna kull opportunità li relazzjonijiet transkonfini bħal dawn iġibu magħhom. Konna ta' spalla għall-għaqdiet volontarji u assistejnihom fejn weħidhom ma setgħux jaslu. Fuq kollox konna l-iżjed Kunsill Lokali fil-pajjiż li għaraf jaħtaf minn kmieni l-opportunitajiet tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Akkwistajna iżjed minn 200,000 ewro mill-Unjoni Ewropea, li minnhom qed igawdi l-poplu kollu. Sfruttajna kull potenzjal li kellna u bi programm serju u bl-involviment ta' kulħadd, inawgurajna proġett wieħed wara ieħor. U dan kollu grazzi għall-entużjażmu li ttrasferejna lill-poplu biex iħossu parti minn programm ta' ħidma.



Nemmen li dak li għamilna fin-Nadur jista' jsir f'Għawdex kollu biex lill-gżira tagħna nagħmluha mudell għal reġjuni oħra żgħar Ewropej.

Dan huwa mument importanti għal Għawdex tagħna għax filwaqt li rridu nwettqu l-bidla li nixtiequ ma nistgħux inpoġġu f'riskju dak li jagħmlu differenti minn kull post ieħor. Inħoss li hija r-responsabbiltà tagħna li bil-politika tagħna mhux biss inżommu din id-distinzjoni imma nisfruttawha biex nagħmlu suċċess. Għadna fil-ħin li nagħmlu lil gżiritna gżira sostenibbli, li toffri xogħlijiet ġodda u attraenti lil kull min jixtieq jaħdem, filwaqt li tikkonserva dak li jagħmilha dak li hi. Ma nistgħux, għall-gwadann instantanju, nibdlu lil Għawdex f'sempliċi resort turistiku miżgħud bil-bini bħal ma ssib fil-kosta ta' ħafna pajjiżi oħra Mediterranji. Lil Għawdex nistgħu nagħmluh ħafna iżjed minn hekk jekk niffukaw fuq dak li jagħmlu uniku. Jekk niftakru li fuqu għandna l-eqdem binjiet magħmula mill-bniedem li fadal fid-dinja. Li fuqu ssibilna tradizzjonijiet, festi, mod ta' għajxien u rutini li jnessuk postijiet oħra. Li l-istorja tiegħu tmur lura eluf ta' snin u li l-kultura tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel. F'dinja globalizzata, fejn tmur fejn tmur ta' spiss se ssib affarijiet simili, it-turist ta' kwalità qed ifittex postijiet li għarfu jżommu l-identità tagħhom u li joffrulu pakkett esklussiv, li ma jista' jsib imkien iehor. Li joffrulu attivitajiet li ma jinsihomx malajr u li permezz tagħhom il-popolazzjoni lokali taqla' għajxien tajjeb u tippriserva dak li jagħmilha differenti. Hija din l-isfida li għandna quddiemna u hija sfida mill-iżjed eċċitanti. Għax issa li pajjiżna sab postu fil-familja Ewropea u l-poplu tagħna qed juża l-istess munita bħal miljuni ta' Ewropej, wasal iż-żmien għall-pass li jmiss. Li nimmiraw fil-għoli biex nilħqu livelli ta' eċċellenza u li jissarrfu f'iżjed xogħol u fi kwalità ta' ħajja aħjar għal familji kollha tagħna.



Il-pjan tagħna għandu jinkludi li lil Għawdex nagħmluh mudell ta' kif għandha titħaddem gżira li tgawdi mix-xemx tul is-sena kollha. Gżira li tisfrutta l-potenzjal ta' l-enerġija rinnovabbli. Gżira li fiha jonqsu l-kontijiet tad-dawl u jiżdiedu l-pannelli solari fuq il-bjut tad-djar tagħna. Gżira b'sistema ta' trasport pubbliku efficjenti, irħis, li ma jniġġisx u li jaqdik. Gżira b'lukandi u stabbilimenti ekoloġiċi li joffru xogħlijiet attraenti u servizzi ta' kwalità li ma ssibhom imkien ieħor. Gżira b'kalendarju kulturali annwali rikk, mifrux fuq is-sena kollha u li jattira turiżmu ta' kwalità. Gżira li tospita avvenimenti internazzjonali - konferenzi, festivals, training camps u opportunitajiet ta' riċerka għal studenti u professjonisti barranin. Gżira li niesha jkollhom l-għodda li għandhom bżonn biex jimxu 'l quddiem u biex iħossuhom kburin bil-kisbiet tagħhom u jiġbdu lkoll ħabel wieħed. Gżira li għalkemm fiżikament maqtugħa minn postijiet oħra, toffri l-aqwa servizzi ta' trasport għal niesha u għal dawk li jridu jżuruha. Fuq kollox gżira li tattira l-investiment - barrani u lokali - u li toffri lill-investituri pakkett attraenti: ħaddiema mħarrġa, bieżla, entużjasti u li jitgħallmu malajr, gżira bilingwi fil-familja kbira Ewropea, kondizzjonijiet eċċellenti ta' għajxien, settur tas-servizzi effiċjenti u sigurtà finanzjarja.



Il-miri huma għolja u min hu ċiniku jista' jitbissem u joqgħod lura. Imma f'mumenti bħal dawn m'hemmx post għal min ipoġġi l-limitajiet qabel il-potenzjal.

Għandna nixprunaw l-ispirtu imprenditorjali fin-negozjant ż-żgħir u s-self employed Għawdxi għax ekonomija Għawdxija b'saħħitha tiddependi wkoll minnhom. Jeħtieġ li nkunu qribhom - negozjanti, imprendituri u self employed Għawdxin. Mhux biss biex niffaċilitaw il-proċess li permezz tiegħu jistgħu jakkwistaw fondi minn barra, imma biex nisimgħu l-ideat tagħhom u ngħinuhom jagħmluhom realtà.



Fil-ftit snin li għaddew diġà rajna eżempji ta' negozjanti u self employed li ma qagħdux jistennew iż-żmien jgħaddi u bdew jaħtfu l-opportunitajiet biex ikabbru l-operat tagħhom, jitgħallmu ħiliet ġodda u jippreparaw biex jagħmlu suċċess f'ambjent iżjed kompetittiv. Però dan għadu biss il-bidu għaliex il-bażi għadha qed tinbena. Għad fadal ostakli x'naqbżu. Għad fadlilna noffru post adattat lil bosta self employed li jixtiequ jkabbru l-operat tagħhom u m'għandhomx fejn. Għad nistgħu nerġgħu nagħtu ħajja liż-żona industrijali tagħna billi nikkonvertu partijiet minnha f'workshops, call centres u negozji oħra innovattivi, sostenibbli u li jagħmlu sens għal gżira bħal tagħna. L-istess japplika għas-settur ta' l-artiġġjanat, li kull ma jmur dejjem qed jikber. Għandna negozjanti żgħar li jbiegħu l-artiġġjanat tagħhom u li qed jistennew li jkollhom post xieraq minn fejn jaħdmu u jbiegħu l-prodotti tagħhom. Fuq kollox, għandna nieħdu ħsieb kull investitur Għawdxi li lest jinvesti flusu fil-gżira li fiha jgħix. Minflok ma nħallu l-ostakli jinġemgħu quddiemhom, għandna naqbżuhom magħhom sabiex niżviluppaw iżjed kummerċ sostenibbli, li jixraq lill-gżira tagħna.



Fl-istess kategorija tas-self employed, però bi sfidi differenti, għandna lil dawk involuti fis-settur agrikolu. Għalihom, f'Għawdex, hemm futur għaliex il-prodott agrikolu Għawdxi għandu post ċentrali fil-viżjoni tagħna għal turiżmu ta' kwalità. Lukandi u ristoranti għandhom jingħataw biżżejjed raġunijiet sabiex jagħżlu l-prodott Għawdxi u jisfruttaw il-potenzjal tiegħu. It-turist ta' kwalità jfittex ir-riċetti lokali, l-inbid lokali u l-ingredjenti lokali. L-agrituriżmu, fejn it-turist jitniżżel fl-għelieqi tagħna biex jesperjenza l-ħajja fl-għelieqi, jista' jibdel il-ħajja ta' ħafna mill-bdiewa tagħna. L-agrituriżmu qed jiżviluppa mad-dinja kollha u qed isir fost l-akbar setturi turistiċi. It-turist qed jiskopri s-sbuħija li jimxi fl-għelieqi, li jgħin lil bidwi jaqta' l-frott u l-ħxejjex tiegħu, li jitgħallem iżjed dwar il-biedja u jistenna b'ħerqa biex filgħaxija jiekol il-prodott lokali misjur. U jieħu miegħu, fi tmiem il-btala, il-prodotti tal-post li jkun żar. Ma nistgħux ma nisfruttawx potenzjal bħal dan. Fuq kollox, għandna nagħmlu aċċessibbli għall-bdiewa tagħna l-aħjar teknoloġija ġdida u metodi ta' ħidma innovattivi. Għandna nġibu esperti - anke minn barra - u nniżżluhom fl-għelieqi tagħna biex naraw x'potenzjal moħbi għad jista' jiġi sfruttat. Sabiex il-bdiewa tagħna jevitaw problemi li għalihom diġà hemm soluzzjoni. U biex jikkumplimenta dan kollu, għandna nħeġġu lill-poplu tagħna jagħżel il-prodotti ta' kwalità lokali - iżjed ġenwini, iżjed friski ... iżjed tagħna.



Il-viżjoni tagħna għal Għawdex jeħtieġ li tinkludi lil kulħadd. Mit-tfal ta' l-iskola - li għalihom għandha noffru l-aqwa faċilitajiet biex ikabbru l-ħiliet tagħhom - sal-pensjonanti li jixtiequ jgawdu lil gżirithom fis-saħħa u s-sliem. Mill-artiġġjana san-negozjanti ż-żgħar sal-bdiewa u s-sajjieda. Miż-żgħażagħ Għawdxin li jixtiequ xogħlijiet ta' kwalità fil-gżira fejn trabbew sa koppji żgħażagħ li qed jagħmlu l-ewwel passi flimkien. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rwol tal-politiku għandu jkun li jaħdem biex niesu jkunu jistgħu jgħixu ħajja iżjed trankwilla - fejn il-ħaddiema jmorru lura d-dar wara jum xogħol sodisfatti li għamlu xi ħaġa produttiva, li kkontribwew għas-soċjetà li fiha jgħixu u li permezz tagħha jistgħu jgawdu lil familthom u jgħixu ħajjithom kif jixtiequ. Li kulħadd ikollu s-servizzi tas-saħħa li għandu bżonn biex jieħu ħsieb saħħtu u saħħet l-għeżież tiegħu. Li l-ġenituri jaraw lil uliedhom jitgħallmu dak li huma ma kellhomx opportunità jitgħalmu. Li jarawhom jikbru u jsiru rġiel u nisa ta' rispett. Li kulħadd jgħix ħajtu mingħajr ostakli żejda, waqt li jgawdi l-ambjent ta' madwaru u jara li uliedu ser ikunu jistgħu jgawduh kif qed igawdih hu. Huwa dan li l-poplu jitlob minnha l-politiċi. Ma jagħżilnix biss biex naġixxu f'ismu u nirrappreżentawh. Jagħżilna fuq kollox biex immexxuh. Għax fil-pjan tagħna jkollu fiduċja u fil-kompetenza tagħna ma jiddubitax. U b'tali responsabbiltà huwa dmir tagħna li nħarsu fit-tul. Li nimxu bi pjan. Li ma nagħmlux l-iżball u nħarsu biss lejn il-gwadann instantanju imma li nibnu u npoġġu fis-seħħ pjan sostenibbli, li l-frott tiegħu jitgawda għal snin twal.



Għal darb'oħra t-8 ta' Marzu ser ikun jum ieħor importanti fl-istorja ta' pajjiżna. Ħames snin wara l-iva tal-poplu Malti għall-Unjoni Ewropea, fit-8 ta' Marzu l-poplu tagħna qed jiġi mistieden jiġġudika l-ħidma li wettaq Lawrence Gonzi fl-ewwel ftit snin tiegħu bħala Prim Ministru ta' Malta. Qed jiġi wkoll mistieden iħares 'il quddiem u jiddeċiedi f'idejn min ser iħalli lil Malta tul il-ħames snin li ġejjin. Qed jiġi mistieden jagħmel għażla - bejn li jħalli lil Malta għaddejja bir-rankatura li qabdet fl-aħħar ftit snin taħt it-tmexxija ta' Lawrence Gonzi jew ineħħiha minn fuq dak il-binarju u jpoġġiha fi triq oħra - li dwarha min verament jaħseb jista' jkollu biss dubji. Li jneħħiha minn taħt idejn Lawrence Gonzi u jpoġġiha f'idejn min ma kellux il-kwalità li jaqra s-sinjali ta' żmienu. F'idejn min ħaseb li ma nistgħux inkunu fejn aħna llum. F'idejn min xtaq lil Malta tibqa' waħidha, iżolata fil-periferija ta' Ewropa magħquda. F'idejn min kien lest iċaħħad lil Malta minn dan iż-żmien ta' opportunitajiet.



Hija għażla li qed tasal f'ċirkostanzi speċjali għal Malta. Għax fl-istorja ta' pajjiżna dan tagħna huwa mument straordinarju. Kif kien straordinarju għall-Irlandiżi fl-ewwel snin tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Kif kien eċċezzjonali għal pajjiżi oħra ffaċċjati minn għażliet kbar f'mumenti sinifikanti fl-istorja tagħhom. Hija stedina lill-poplu Malti biex jikkonferma l-iva tiegħu. L-iva tiegħu għall-Ewropa. L-iva tiegħu għal pajjiż iżjed b'saħħtu bilqiegħda madwar l-istess mejda ma' sħabna l-Ewropej. L-iva tiegħu għal opportunitajiet kbar għaż-żgħażagħ tagħna, għall-istudenti, għas-self employed, għall-imprendituri, għall-ħaddiema, għal dawk vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. L-iva tiegħu għal kwalità ta' ħajja aħjar. Għat-tkabbir ekonomiku. L-iva tiegħu għall-investiment u għax-xogħol. Mhix sempliċi għażla għal partit jew għal kandidat. Hija - qabel xejn - għażla għalina. Għall-familji tagħna. Għal futur tagħna u ta' uliedna.



(ritratti: JJP Zammit)

2 comments:

Anonymous said...

Hadt pjacir naqra r-rivista li qassamt fid-djar u nikkondividi hafna minn dak li qed tghid. Nixtieq success lilek f'din l-elezzjoni u nittama li jkollok opportunita twettaq dak kollu li tixtieq. Insellimlek, Savior Camilleri.

Anonymous said...

Awguri lis-Sindku tan-Nadur!!!!