26.2.08

L-ambjent prijorita'

24.2.08

Iva, nistgħu!



Iva, nistgħu! Għajta li qed tħeġġeġ miljuni ta' nies madwar l-Istati Uniti u li qed tentużjażma lil ħafna madwar id-dinja. Għajta li qed tispira lil kbar u liż-żgħar iħarsu 'l quddiem b'ottimiżmu. Għajta ta' tama u ta' kuraġġ li togħla 'l fuq - ħafna iżjed 'il fuq - minn kor ta' ilħna li flok it-tama jenfasizza l-limiti ... il-linji sa fejn jaħsbu li wieħed jista' jasal. Iva, nistgħu! Għajta li tinvolvi flok teskludi. Li timbotta minflok twaqqaf. Li tħeġġeġ flok taqta' l-qalb. Li tiffoka flok taljena ruħha. Li tiżgura flok tiddubita. Li tħares 'il quddiem flok lura. Iva, nistgħu! Anke f'pajjiżna. Nistgħu!

Li kieku f'Malta ma kienx hawn partit li quddiem kull sfida qal iva, nistgħu! - kieku llum ma wasalnix hawn. Kieku mhux għax quddiem kull sfida, il-Partit Nazzjonalista ħares 'il quddiem u emmen fil-poplu Malti, kieku llum m'aħnix hawnhekk. Kien il-Partit Nazzjonalista li ried Malta indipendenti. Ridha tkun pajjiż awtonomu li jmexxi lilu nnifsu bit-talenti ta' niesu. Li jmexxi lilu nnifsu fid-direzzjoni li xtaq jieħu. Kien hemm min iddubita bil-kapaċità tal-poplu tagħna. Kien hemm min ħaseb li forsi aħjar nammettu ċ-ċokon tagħna u ningħaqdu ma' pajjiż ieħor. Iżda Gorg Borg Olivier mar quddiem il-poplu Malti u għajjat, iva nistgħu! U twieldet Malta indipendenti. U minn dakinhar 'il quddiem ħarset biss 'il quddiem għaliex emmnet li l-potenzjal tagħha huwa kbir.

It-triq għal Malta indipendenti ma kenitx faċli. Ġew żminijiet fejn il-poplu kellu jiġġieled għad-drittijiet bażiċi tiegħu. Għad-dritt li jgħid kif jaħsibha bla ma jiġi msikket. Għad-dritt li jieħu dak li ħaqqu mingħajr ma jħossu obbligat li sarlu xi pjaċir. Għad-dritt li jibgħat lil uliedu f'liema skejjel irid. Għad-dritt li jaqra u jixtarr dak li jrid. Għad-dritt li jgawdi minn sistema ġudizzjarja ġusta. Għad-dritt li jgħix fi stat fejn il-pulizija tiddefendi t-tajjeb u mhux tipproteġi lill-kriminal. Għad-dritt li jaħdem mingħajr xkiel. Għad-dritt li leħnu jinstema daqs ta' ħaddieħor. U d-destin ta lil Malta mexxej ieħor kbir. Fi żminijiet ta' dlam Eddie Fenech Adami kien id-dawl. Iva, nistgħu! qal lill-pajjiżna. Iva, nistgħu nsiru pajjiż modern, b'demokrazija ħajja, bil-bibien miftuħin beraħ, bis-swieq liberalizzati, bil-libertajiet kollha li pajjiżi ċivili u moderni jgawdu. Iva nistgħu jkollna x-xogħol. Il-ġustizzja. Il-libertà. U Malta nbidlet u kollha entużjażmu baqgħet tħares 'il quddiem lejn il-pass li jmiss. L-Ewropa. Id-destinazzjoni ddestinata ta' pajjiżna.

U reġgħu nstemgħu l-ilħna tal-bieraħ. L-ilħna tal-le. L-ilħna ta' l-imma, tad-dubji, tal-biża'. L-ilħna ta' dawk li flok jippruvaw jaqbżu l-ostakli, ibaxxu rashom quddiemhom. Qalulna li - le - Malta żgħira wisq biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. Qalulna li - le - bina l-Ewropej se jagħmlu li jridu. Le - se nispiċċaw inservu flok immexxu. Le - għax se tiġi mewġa u se teħodna magħha. Qalulna - le - għax għal darb'oħra ma fehmux fejn kienet waslet Malta. Għal darb'oħra fallew milli jkunu hemm - b'idhom fuq il-polz ta' nazzjon ħaj, li qed jikber u jinbidel. Le. Le. Le. Imma d-destin ma' Malta tagħna kien dejjem ħanin. Għax fl-iżjed mumenti importanti tana mexxejja li għarfu jaqraw is-sinjali ta' żmienhom. Iva, nistgħu! għajjat Eddie Fenech Adami. Iva, nistgħu! għajjat Guido de Marco. Iva, nistgħu! għajjat il-poplu Malti, magħqud wara partit li jemmen fih.

U l-istorja tirrepeti ruħha ma' kull tragward, ma' kull pass li jagħmel dan il-pajjiż żgħir fid-daqs imma kbir fil-potenzjal. U l-Partit Nazzjonalista jkompli jgħaqqad mument storiku ma' l-ieħor. Ikompli jimmarka l-linja tal-progress ta' pajjiż ħaj li jrid biss jikber. Dejjem hu! Għax dejjem mogħni b'mexxejja li emmnu li iva, nistgħu! U wieħed jimmaġina li wara tant tragwardi, wara tant deċiżjonijiet, anke l-ilħna tal-le jagħmlu l-kuraġġ biex forsi xi darba, minn taħt l-ilsien, ilissnu iva ċkejkna. U jasal mument ieħor importanti. L-għażla li pajjiżna jadotta l-istess munita bħall-aqwa pajjiżi Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista jerġa' jkun fil-ħin għall-appuntament ma' l-istorja. Iva, nistgħu nkunu minn ta' l-ewwel fost il-membri l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li nadottaw il-munita waħda Ewropea. Iva, nistgħu nsiru aħna wkoll pajjiż mexxej fl-Unjoni Ewropea. Iva, nistgħu nagħtu lill-poplu tagħna iżjed għodda biex jikkompeti, biex jikber, biex jimraħ f'orizzonti ġodda. U għal darb'oħra jerġgħu jinstemgħu l-istess ilħna ta' qtugħ il-qalb. Jerġgħu iwissu l-poplu. Le, għadu mhux il-waqt. Le, m'aħniex b'saħħitna biżżejjed. Le, aħna żgħar. Le. Le. Le. Imma Iva, nistgħu! għajjat Lawrence Gonzi. U l-poplu ngħaqad wara l-partit tiegħu u llum pajjiżna qiegħed hemm - mal-pajjiżi mexxejja fl-Unjoni Ewropea, jilħaq tragward wara l-ieħor.

Dak hu s-sigriet tal-Partit Nazzjonalista. Kien u għadu mogħni b'mexxejja li għall-appuntamenti ma' l-istorja jmorru b'ħarsthom 'il fuq. Imorru bid-determinazzjoni ta' pajjiż b'saħħtu li jemmen fih innifsu. Imorru u jġorru magħhom il-bżulija ta' nieshom, l-entużjażmu ta' uliedhom, l-għerf ta' missirijiethom, il-valuri li jagħmlu lil poplu tagħna dak li hu.

U wasalna għal appuntament ieħor. Waslet sfida oħra u għal darb'oħra il-Partit Nazzjonalista qed jgħajjat, Iva nistgħu! Nistgħu nagħmlu lil Malta ċentru ta' eċċellenza. Nistgħu nagħmlu lil Malta fost l-aqwa pajjiżi Ewropej, b'ekonomija b'saħħitha, b'ambjent nadif, bl-aqwa servizzi tas-saħħa, b'xogħlijiet ġodda u attraenti, b'turiżmu ta' kwalità s-sena kollha u fuq kollox pajjiż fejn ħadd - ħadd - ma jibqa' lura. U qed jerġgħu jinstemgħu l-ilħna tal-konfużjoni. Ta' min ma jafx - mhux biss fejn irid jasal - imma saħansitra minn fejn ser jitlaq. Ta' min jaħseb li uliedna għandhom bżonn jirrepetu sena biex meta jikbru jkunu jistgħu jikkompetu ma' sħabhom l-Ewropej. Ta' min jaħseb li l-Unjoni Ewropea ma kenitx l-aħjar triq għal Malta. Ta' min jibdel fehmtu minn jum għall-ieħor dwar il-bażiku. Dwar l-essenzjal. Ta' min għadu jiċħad deċiżjoni demokratika li ħa l-poplu Malti. Ta' min donnu ma jridx jara l-bidla li Malta għaddejja minnha. Ta' min - ormai - dara jieqaf quddiem l-isfidi u jitlef appuntament wara l-ieħor ma' l-istorja.

19.2.08

Iva, flimkien kollox possibbli

Chris Said (Profil)

Chris Said twieled f'Għawdex fl-1970 u huwa l-kbir fost tlettax-il aħwa. Studja fl-iskola primarja tan-Nadur, fis-seminarju tal-Qalb ta' Gesù, fis-sixth form ta' Għawdex u fl-Università ta' Malta, minn fejn iggradwa nutar fl-1994 u avukat fl-1996.

Sa minn kmieni f'ħajtu sħabu daru lejh biex jirrappreżentahom u biex imexxi 'l quddiem l-interessi tagħhom. Ta' 13-il sena ġie elett President tal-Kunsill ta' l-Istudenti fis-Seminarju Minuri, kariga li okkupa għal tliet snin konsekuttivi. Fis-sixth form reġa' għal darb'oħra ġie elett President biex jirrappreżenta lill-istudenti sħabu tul il-kors ta' sentejn, bejn l-1986 u l-1988. Hawn ħadem bla heda biex saret pressjoni fuq l-awtoritajiet biex l-istudenti Għawdxin ikollhom għażla aktar vasta ta' suġġetti, kif kellhom sħabhom f'Malta. Grazzi għall-impenn tiegħu żdiedu suġġetti ġodda li qabel ma kinux jiġu mgħallma fil-livell post-sekondarju f'Għawdex.

Kien ir-rappreżentant t'Għawdex fil-kumitat eżekuttiv tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista għal ħames snin konsekuttivi, bejn l-1990 u l-1995. Imbagħad ġie elett biex jirrappreżenta lill-Għawdxin fl-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, pożizzjoni li għadu jokkupa sal-lum. F'dawn is-snin kollha li fihom Chris Said serva fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħadem biex Għawdex dejjem jitpoġġa fuq nett tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Ta' 22 sena ġie elett President tal-Gozo Football Association u dam imexxi l-assoċjazzjoni sas-sena 2000. Fil-GFA Chris Said wettaq riforma sħiħa. Ħadem biex l-isportivi Għawdxin ikollhom l-aqwa faċilitajiet sportivi, bħal ground ġdid bit-turf u premises bil-faċilitajiet kollha għall-assoċjazzjoni. Taħt it-tmexxija tiegħu, it-team tal-Gozo FC rebaħ promozzjoni wara l-oħra u mit-tielet diviżjoni sab ruħu ma' l-aqwa timijiet f'Malta fil-Premier League. Fl-istess waqt, għall-ewwel darba, tfal u żgħażagħ Għawdxin bdew jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet ta' livell ogħla, kemm f'Malta u anke barra minn Malta.

Chris Said ifforma parti minn kull Kunsill Lokali tan-Nadur, sa mit-twaqqif tiegħu fl-1993. Ilu sindku tan-Nadur sa mill-1999. Bħala sindku wettaq numru kbir ta' proġetti li biddlu wiċċ in-Nadur u li wasslu biex fl-2007 n-Nadur ġie magħżul mill-Unjoni Ewropea bħala waħda mill-aqwa għaxar destinazzjonijiet emerġenti fl-Ewropa. Taħt it-tmexxija tiegħu l-Kunsill Lokali tan-Nadur rebaħ numru rekord ta' unuri "Sebbaħ Pajjiżek", organizza fost l-akbar avvenimenti pubbliċi li qatt saru f'Għawdex, rebaħ it-titlu ta' Belt Dinjija tal-Karnival fl-2005 u ġie magħżul bħala wieħed mill-iżjed Kunsilli Lokali effiċjenti f'Malta u Għawdex.

Sa minn ċkunitu Chris Said kien involut f'għadd ta’ organizzazzjonijiet, kemm lokali u anke nazzjonali, b'ħidma li tvarja minn football, trasport pubbliku, baned u festi. Huwa serva bħala Direttur fuq il-bord tal-Maltacom plc u huwa s-Segretaru Ġenerali tal-Fondazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival.

Chris Said qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta' Marzu 2008 għaliex jemmen li għandu sehem x'jagħti biex Għawdex jimxi 'l quddiem u joffri lil niesu kwalità ta' ħajja aħjar.

16.2.08

Lejla mal-Ħbieb

(ritratti mis-serata organizzata mill-ħbieb ta' Chris Said f'Palazzo Palina, Hotel Ta' Ċenċ)







13.2.08

Biex nikkonfermaw l-iva tagħna

Għal darb'oħra t-8 ta' Marzu ser ikun jum ieħor importanti fl-istorja moderna ta' pajjiżna. Fit-8 ta' Marzu l-poplu tagħna qed jiġi mistieden jiġġudika l-ħidma li wettaq Lawrence Gonzi fl-ewwel ftit snin tiegħu bħala Prim Ministru ta' Malta. Qed jiġi wkoll mistieden iħares 'il quddiem u jiddeċiedi f'idejn min ser iħalli lil Malta tul il-ħames snin li ġejjin. Qed jiġi mistieden jagħmel għażla - bejn li jħalli lil Malta għaddejja bir-rankatura li qabdet fl-aħħar ftit snin taħt it-tmexxija ta' Lawrence Gonzi jew ineħħiha minn fuq dak il-binarju u jpoġġiha fi triq oħra - li dwarha min verament jaħseb jista' jkollu biss dubji. Li jneħħiha minn taħt idejn Lawrence Gonzi u jpoġġiha f'idejn min ma kellux il-kwalità li jaqra s-sinjali ta' żmienu. F'idejn min ħaseb li ma nistgħux inkunu fejn aħna llum. F'idejn min xtaq lil Malta tibqa' waħidha, iżolata fil-periferija ta' Ewropa magħquda. F'idejn min kien lest iċaħħad lil Malta minn dan iż-żmien ta' opportunitajiet.

Hija għażla li qed tasal f'ċirkostanzi speċjali għal Malta. Għax fl-istorja ta' pajjiżna dan tagħna huwa mument straordinarju. Kif kien straordinarju għall-Irlandiżi fl-ewwel snin tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Kif kien eċċezzjonali għal pajjiżi oħra ffaċċjati minn għażliet kbar f'mumenti sinifikanti fl-istorja tagħhom. Hija stedina lill-poplu Malti biex jikkonferma l-iva tiegħu. L-iva tiegħu għall-Ewropa. L-iva tiegħu għal pajjiż iżjed b'saħħtu bilqiegħda madwar l-istess mejda ma' sħabna l-Ewropej. L-iva tiegħu għal opportunitajiet kbar għaż-żgħażagħ tagħna, għall-istudenti, għas-self employed, għall-imprendituri, għall-ħaddiema, għal dawk vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. L-iva tiegħu għal żmien ġdid fl-istorja ta' pajjiżna. L-iva tiegħu għal kwalità ta' ħajja aħjar. Għat-tkabbir ekonomiku. L-iva tiegħu għall-investiment u għax-xogħol. Mhix sempliċi għażla għal partit jew għal kandidat. Hija - qabel xejn - għażla għalina. Għall-familji tagħna. Għal futur tagħna u ta' uliedna.

It-8 ta' Marzu mhix biss ġurnata li fiha qed tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Hija ġurnata li fiha, bħala poplu, qed niġu mistiedna nikkonfermaw li l-għażla li għamilna ħames snin ilu kienet l-għażla t-tajba. Ġurnata li fiha qed niġu mistiedna nissiġġillaw l-iva tagħna għal futur aħjar. Ġurnata li fiha qed nerġgħu niġu mistiedna ngħajtu iva - aħna poplu mimli potenzjal li ma jibżax mill-bidla, li ma jiddubitax mill-ħiliet tiegħu u li, mimli entużjażmu, lest ikompli fit-triq li qabad biex pajjiżna jkompli miexi 'l quddiem.

7.2.08

Għaliex qed nikkontesta...

Kull darba li ħassejt li nista' nikkontribwixxi biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar, qatt ma qgħadt lura. U sa minn żgħożiti dejjem ħdimt b'entużjażmu u b'rispett lejn min wera fiduċja fija. Wara disa' snin Sindku tan-Nadur inħoss li wasal iż-żmien għall-pass li jmiss.

Nixtieq nifrex ħidmieti fuq Għawdex kollu. U x-xewqa hija bbażata fuq konvinzjoni. Għaliex konvint li nista' nagħti sehmi biex f'dan iż-żmien ta' opportunitajiet ġodda - lil Għawdex tagħna nagħmluh mudell għal reġjuni oħra Ewropej.

Qed ngħixu fi żmien eċċitanti, fejn pajjiżna qed jagħmel il-qabża fil-kwalità li lkoll kemm aħna xtaqna. U jeħtieġ li naħtfu l-opportunità u f'dan il-mument kruċjali nimmiraw fil-għoli. Jeħtieġ nimtlew b'entużjażmu għaliex l-opportunitajiet qegħdin hemm u huma kbar. U f'dan il-mument jeħtieġ li kulħadd - mill-Qala sa l-Għarb ... minn Marsalforn sa Ta' Sannat - iħossu parti minn dan il-proċess ta' bidla. Jeħtieġ li jitfassal pjan li jinvolvi lil kulħadd biex jinġibed ħabel wieħed. Għax qabel ma' f'qalbna għandna partit, għandna lil Għawdex, li nixtiqulu biss ġid li jissarraf f'ħajja aħjar għalina u għal uliedna.

Għall-istess raġuni li l-Unjoni Ewropea għażlet lin-Nadur bħala l-aqwa destinazzjoni rurali emerġenti fl-Ewropa, Għawdex jista' jwettaq il-bidla bla ma jpoġġi f'riskju dak li jagħmlu uniku. Huwa bilanċ delikat - bejn il-ħarsien ta' dak li jagħmel lil gżiritna post meraviljuż u l-progress li lkoll nixtiequ. Bilanċ li mhux biss jeħtieġ jinżamm imma għandu jkun is-sigriet għas-suċċess tal-gżira tagħna.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nagħmel ħilti biex niltaqa' miegħek. Imma jekk ma jirnexxilix indur id-djar kollha t'Għawdex nitolbok tikkuntattjani. B'hekk inkun nista' nisma' l-ħsibijiet tiegħek u naqsam miegħek il-proposti tiegħi.

Bħal kull bniedem li jkollu proġett li jixtieq iwettaq, inħossni entużjast bħal qatt qabel. Imma biex nagħti sehmi għandi bżonn il-fiduċja tiegħek. Min-naħa tiegħi nista' biss nagħtik kelmti li ma niddeludikx.

4.2.08

8 ta' Marzu 2008

Dalgħodu l-Prim Ministru ħabbar id-data ta' l-elezzjoni ġenerali. Id-data li fiha l-poplu Malti u Għawdxi qed jiġi mistieden jiġġudika l-ħidma li wettaq Lawrence Gonzi fl-ewwel ftit snin tiegħu bħala Prim Ministru ta' Malta. Hija wkoll id-data li fiha l-poplu tagħna qed jiġi mistieden iħares 'il quddiem u jiddeċiedi f'idejn min ser iħalli lil Malta tul il-ħames snin li ġejjin.

Fil-ftit ġimgħat li ġejjin, permezz ta' dan il-blogg, ser inkun qed naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi tul il-kampanja elettorali. F'dan l-ewwel jum tagħha ma nistax ma naqsamx magħkom xewqa. Xewqa li jkollna kampanja elettorali matura, fejn il-passjoni tagħmel wisa għar-raġunament. Fejn jiġu mqabbla l-proposti u diskussi l-ideat. Kampanja elettorali fejn il-poplu jifli dak li twettaq mill-mexxejja tiegħu meta fdahom bil-poter u x'qed jipproponu li jwettqu jekk jerġgħu jiġu fdati. Kampanja elettorali li tixpruna lil kulħadd u tħeġġeġ id-dibattitu fid-djar, it-toroq, il-ħwienet u l-postijiet tax-xogħol tagħna. Għax l-għażla li ser nagħmlu mhix biss għażla għall-partiti. Hija għażla għalina. Għall-familji tagħna. Għal uliedna u għat-tfal tagħhom.

Hija għażla li qed tasal f'ċirkostanzi speċjali għal Malta. Għax fl-istorja ta' pajjiżna dan tagħna huwa mument straordinarju. Kif kien straordinarju għall-Irlandiżi fl-ewwel snin tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Fis-snin li fihom ħadu d-deċiżjonijiet it-tajba biex saru l-pajjiż li huma llum. Kif kien straordinarju wkoll għal kull pajjiż ieħor iffaċċjat minn għażliet importanti.

Fil-ġimgħat li ġejjin ser inkompli nżur kemm nista' familji fi djarhom. Mhux biss biex nintroduċi ruħi bħala kandidat li wara 9 snin Sindku tan-Nadur inħoss li wasal iż-żmien li nifrex ħidmieti fuq Għawdex kollu. Imma fuq kollox biex nisma' l-ideat tagħkom u biex ikolli l-opportunità naqsam magħkom il-proposti tiegħi għal Għawdex ta' għada - gżira mudell għal reġjuni Mediterranji b'xogħol attraenti għal min irid jaħdem, b'turiżmu ta' kwalità s-sena kollha u bl-aqwa servizzi għal niesha u għal min iżurha.

Karnival li ġibed l-eluf

Għal sena oħra eluf ta' Maltin reġgħu qasmu lejn Għawdex għall-wijkend tal-karnival. Għal sena oħra kellna l-lukandi ta' Għawdex mimlija. Kellna r-ristoranti jirreġistraw attività akbar minn tas-soltu. U fuq kollox kellna lil Għawdex ħaj - b'attivitajiet ma jaqtgħu xejn. Bi spettaklu offrut b'xejn. Barranin, Maltin u Għawdxin ingħaqdu flimkien f'ċelebrazzjoni waħda kbira.

F'isem sħabi fil-Kunsill Lokali tan-Nadur nirringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom sabiex għal darb'oħra l-Karnival tan-Nadur seta' jkun suċċess fenomenali. Il-ħidma tagħna waslet biex numru rekord ta' Maltin u turisti qasmu lejn Għawdex għall-karnival tagħna, bil-gżira kollha tgawdi jiem ta' kummerċ qawwi. L-eluf ta' nies li ħonqu t-toroq prinċipali tan-Nadur fi tmiem il-ġimgħa għall-karnival spontanju tagħna u għar-rock festival internazzjonali li organizzajna huwa xhieda ta' fejn nistgħu naslu meta kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Għal sett ta' ritratti tal-karnival ta' din is-sena żur is-sit tal-Kunsill Lokali tan-Nadur billi tikklikkja hawn.