13.2.08

Biex nikkonfermaw l-iva tagħna

Għal darb'oħra t-8 ta' Marzu ser ikun jum ieħor importanti fl-istorja moderna ta' pajjiżna. Fit-8 ta' Marzu l-poplu tagħna qed jiġi mistieden jiġġudika l-ħidma li wettaq Lawrence Gonzi fl-ewwel ftit snin tiegħu bħala Prim Ministru ta' Malta. Qed jiġi wkoll mistieden iħares 'il quddiem u jiddeċiedi f'idejn min ser iħalli lil Malta tul il-ħames snin li ġejjin. Qed jiġi mistieden jagħmel għażla - bejn li jħalli lil Malta għaddejja bir-rankatura li qabdet fl-aħħar ftit snin taħt it-tmexxija ta' Lawrence Gonzi jew ineħħiha minn fuq dak il-binarju u jpoġġiha fi triq oħra - li dwarha min verament jaħseb jista' jkollu biss dubji. Li jneħħiha minn taħt idejn Lawrence Gonzi u jpoġġiha f'idejn min ma kellux il-kwalità li jaqra s-sinjali ta' żmienu. F'idejn min ħaseb li ma nistgħux inkunu fejn aħna llum. F'idejn min xtaq lil Malta tibqa' waħidha, iżolata fil-periferija ta' Ewropa magħquda. F'idejn min kien lest iċaħħad lil Malta minn dan iż-żmien ta' opportunitajiet.

Hija għażla li qed tasal f'ċirkostanzi speċjali għal Malta. Għax fl-istorja ta' pajjiżna dan tagħna huwa mument straordinarju. Kif kien straordinarju għall-Irlandiżi fl-ewwel snin tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Kif kien eċċezzjonali għal pajjiżi oħra ffaċċjati minn għażliet kbar f'mumenti sinifikanti fl-istorja tagħhom. Hija stedina lill-poplu Malti biex jikkonferma l-iva tiegħu. L-iva tiegħu għall-Ewropa. L-iva tiegħu għal pajjiż iżjed b'saħħtu bilqiegħda madwar l-istess mejda ma' sħabna l-Ewropej. L-iva tiegħu għal opportunitajiet kbar għaż-żgħażagħ tagħna, għall-istudenti, għas-self employed, għall-imprendituri, għall-ħaddiema, għal dawk vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. L-iva tiegħu għal żmien ġdid fl-istorja ta' pajjiżna. L-iva tiegħu għal kwalità ta' ħajja aħjar. Għat-tkabbir ekonomiku. L-iva tiegħu għall-investiment u għax-xogħol. Mhix sempliċi għażla għal partit jew għal kandidat. Hija - qabel xejn - għażla għalina. Għall-familji tagħna. Għal futur tagħna u ta' uliedna.

It-8 ta' Marzu mhix biss ġurnata li fiha qed tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Hija ġurnata li fiha, bħala poplu, qed niġu mistiedna nikkonfermaw li l-għażla li għamilna ħames snin ilu kienet l-għażla t-tajba. Ġurnata li fiha qed niġu mistiedna nissiġġillaw l-iva tagħna għal futur aħjar. Ġurnata li fiha qed nerġgħu niġu mistiedna ngħajtu iva - aħna poplu mimli potenzjal li ma jibżax mill-bidla, li ma jiddubitax mill-ħiliet tiegħu u li, mimli entużjażmu, lest ikompli fit-triq li qabad biex pajjiżna jkompli miexi 'l quddiem.

No comments: