24.2.08

Iva, nistgħu!



Iva, nistgħu! Għajta li qed tħeġġeġ miljuni ta' nies madwar l-Istati Uniti u li qed tentużjażma lil ħafna madwar id-dinja. Għajta li qed tispira lil kbar u liż-żgħar iħarsu 'l quddiem b'ottimiżmu. Għajta ta' tama u ta' kuraġġ li togħla 'l fuq - ħafna iżjed 'il fuq - minn kor ta' ilħna li flok it-tama jenfasizza l-limiti ... il-linji sa fejn jaħsbu li wieħed jista' jasal. Iva, nistgħu! Għajta li tinvolvi flok teskludi. Li timbotta minflok twaqqaf. Li tħeġġeġ flok taqta' l-qalb. Li tiffoka flok taljena ruħha. Li tiżgura flok tiddubita. Li tħares 'il quddiem flok lura. Iva, nistgħu! Anke f'pajjiżna. Nistgħu!

Li kieku f'Malta ma kienx hawn partit li quddiem kull sfida qal iva, nistgħu! - kieku llum ma wasalnix hawn. Kieku mhux għax quddiem kull sfida, il-Partit Nazzjonalista ħares 'il quddiem u emmen fil-poplu Malti, kieku llum m'aħnix hawnhekk. Kien il-Partit Nazzjonalista li ried Malta indipendenti. Ridha tkun pajjiż awtonomu li jmexxi lilu nnifsu bit-talenti ta' niesu. Li jmexxi lilu nnifsu fid-direzzjoni li xtaq jieħu. Kien hemm min iddubita bil-kapaċità tal-poplu tagħna. Kien hemm min ħaseb li forsi aħjar nammettu ċ-ċokon tagħna u ningħaqdu ma' pajjiż ieħor. Iżda Gorg Borg Olivier mar quddiem il-poplu Malti u għajjat, iva nistgħu! U twieldet Malta indipendenti. U minn dakinhar 'il quddiem ħarset biss 'il quddiem għaliex emmnet li l-potenzjal tagħha huwa kbir.

It-triq għal Malta indipendenti ma kenitx faċli. Ġew żminijiet fejn il-poplu kellu jiġġieled għad-drittijiet bażiċi tiegħu. Għad-dritt li jgħid kif jaħsibha bla ma jiġi msikket. Għad-dritt li jieħu dak li ħaqqu mingħajr ma jħossu obbligat li sarlu xi pjaċir. Għad-dritt li jibgħat lil uliedu f'liema skejjel irid. Għad-dritt li jaqra u jixtarr dak li jrid. Għad-dritt li jgawdi minn sistema ġudizzjarja ġusta. Għad-dritt li jgħix fi stat fejn il-pulizija tiddefendi t-tajjeb u mhux tipproteġi lill-kriminal. Għad-dritt li jaħdem mingħajr xkiel. Għad-dritt li leħnu jinstema daqs ta' ħaddieħor. U d-destin ta lil Malta mexxej ieħor kbir. Fi żminijiet ta' dlam Eddie Fenech Adami kien id-dawl. Iva, nistgħu! qal lill-pajjiżna. Iva, nistgħu nsiru pajjiż modern, b'demokrazija ħajja, bil-bibien miftuħin beraħ, bis-swieq liberalizzati, bil-libertajiet kollha li pajjiżi ċivili u moderni jgawdu. Iva nistgħu jkollna x-xogħol. Il-ġustizzja. Il-libertà. U Malta nbidlet u kollha entużjażmu baqgħet tħares 'il quddiem lejn il-pass li jmiss. L-Ewropa. Id-destinazzjoni ddestinata ta' pajjiżna.

U reġgħu nstemgħu l-ilħna tal-bieraħ. L-ilħna tal-le. L-ilħna ta' l-imma, tad-dubji, tal-biża'. L-ilħna ta' dawk li flok jippruvaw jaqbżu l-ostakli, ibaxxu rashom quddiemhom. Qalulna li - le - Malta żgħira wisq biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. Qalulna li - le - bina l-Ewropej se jagħmlu li jridu. Le - se nispiċċaw inservu flok immexxu. Le - għax se tiġi mewġa u se teħodna magħha. Qalulna - le - għax għal darb'oħra ma fehmux fejn kienet waslet Malta. Għal darb'oħra fallew milli jkunu hemm - b'idhom fuq il-polz ta' nazzjon ħaj, li qed jikber u jinbidel. Le. Le. Le. Imma d-destin ma' Malta tagħna kien dejjem ħanin. Għax fl-iżjed mumenti importanti tana mexxejja li għarfu jaqraw is-sinjali ta' żmienhom. Iva, nistgħu! għajjat Eddie Fenech Adami. Iva, nistgħu! għajjat Guido de Marco. Iva, nistgħu! għajjat il-poplu Malti, magħqud wara partit li jemmen fih.

U l-istorja tirrepeti ruħha ma' kull tragward, ma' kull pass li jagħmel dan il-pajjiż żgħir fid-daqs imma kbir fil-potenzjal. U l-Partit Nazzjonalista jkompli jgħaqqad mument storiku ma' l-ieħor. Ikompli jimmarka l-linja tal-progress ta' pajjiż ħaj li jrid biss jikber. Dejjem hu! Għax dejjem mogħni b'mexxejja li emmnu li iva, nistgħu! U wieħed jimmaġina li wara tant tragwardi, wara tant deċiżjonijiet, anke l-ilħna tal-le jagħmlu l-kuraġġ biex forsi xi darba, minn taħt l-ilsien, ilissnu iva ċkejkna. U jasal mument ieħor importanti. L-għażla li pajjiżna jadotta l-istess munita bħall-aqwa pajjiżi Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista jerġa' jkun fil-ħin għall-appuntament ma' l-istorja. Iva, nistgħu nkunu minn ta' l-ewwel fost il-membri l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li nadottaw il-munita waħda Ewropea. Iva, nistgħu nsiru aħna wkoll pajjiż mexxej fl-Unjoni Ewropea. Iva, nistgħu nagħtu lill-poplu tagħna iżjed għodda biex jikkompeti, biex jikber, biex jimraħ f'orizzonti ġodda. U għal darb'oħra jerġgħu jinstemgħu l-istess ilħna ta' qtugħ il-qalb. Jerġgħu iwissu l-poplu. Le, għadu mhux il-waqt. Le, m'aħniex b'saħħitna biżżejjed. Le, aħna żgħar. Le. Le. Le. Imma Iva, nistgħu! għajjat Lawrence Gonzi. U l-poplu ngħaqad wara l-partit tiegħu u llum pajjiżna qiegħed hemm - mal-pajjiżi mexxejja fl-Unjoni Ewropea, jilħaq tragward wara l-ieħor.

Dak hu s-sigriet tal-Partit Nazzjonalista. Kien u għadu mogħni b'mexxejja li għall-appuntamenti ma' l-istorja jmorru b'ħarsthom 'il fuq. Imorru bid-determinazzjoni ta' pajjiż b'saħħtu li jemmen fih innifsu. Imorru u jġorru magħhom il-bżulija ta' nieshom, l-entużjażmu ta' uliedhom, l-għerf ta' missirijiethom, il-valuri li jagħmlu lil poplu tagħna dak li hu.

U wasalna għal appuntament ieħor. Waslet sfida oħra u għal darb'oħra il-Partit Nazzjonalista qed jgħajjat, Iva nistgħu! Nistgħu nagħmlu lil Malta ċentru ta' eċċellenza. Nistgħu nagħmlu lil Malta fost l-aqwa pajjiżi Ewropej, b'ekonomija b'saħħitha, b'ambjent nadif, bl-aqwa servizzi tas-saħħa, b'xogħlijiet ġodda u attraenti, b'turiżmu ta' kwalità s-sena kollha u fuq kollox pajjiż fejn ħadd - ħadd - ma jibqa' lura. U qed jerġgħu jinstemgħu l-ilħna tal-konfużjoni. Ta' min ma jafx - mhux biss fejn irid jasal - imma saħansitra minn fejn ser jitlaq. Ta' min jaħseb li uliedna għandhom bżonn jirrepetu sena biex meta jikbru jkunu jistgħu jikkompetu ma' sħabhom l-Ewropej. Ta' min jaħseb li l-Unjoni Ewropea ma kenitx l-aħjar triq għal Malta. Ta' min jibdel fehmtu minn jum għall-ieħor dwar il-bażiku. Dwar l-essenzjal. Ta' min għadu jiċħad deċiżjoni demokratika li ħa l-poplu Malti. Ta' min donnu ma jridx jara l-bidla li Malta għaddejja minnha. Ta' min - ormai - dara jieqaf quddiem l-isfidi u jitlef appuntament wara l-ieħor ma' l-istorja.

2 comments:

Anonymous said...

Hadt pjacir nitkellem mieghek il-gimgha li ghaddiet. Jien u l-familja ser navdawk bil-vot taghna ghax nemmnu fik.

Anonymous said...

Dr.Chris hadna hafna pjacir meta iltqajna mieghek...l-entuzjazmu tieghek imissilna qalbna!ahna ghandna fiducja kbira fik...fit 8 ta marzu ahna se nivvutaw lilek biex naraw lil ghawdex jimxi il quddiem."IVA, FLIMKIEN KOLLOX POSSIBLI"