27.1.08

Opportunitajiet

L-ekonomija ta' pajjiżna għaddejja minn żmien ta' bidla. B'Malta fl-Unjoni Ewropea, bl-ewro fl-idejn u b'opportunità unika biex pajjiżna jagħmel il-qabża fil-kwalità sabiex ilkoll ingawdu mill-istess livell ta' għajxien ta' popli oħra Ewropej, dan tagħna huwa żmien ta' opportunitajiet.

Huwa ż-żmien li fih qed niġu mistiedna mill-pajjiżi sħabna fl-Unjoni Ewropea sabiex nimxu 'l quddiem, insaħħu l-infrastruttura tagħna, inħarrġu lill-ħaddiema u nħejju bażi soda biex fuqha, fis-snin li ġejjin, inkomplu nibnu pajjiż ekonomikament b'saħħtu, li joffri liċ-ċittadini tiegħu ħajja aħjar. Huwa ż-żmien li fih in-negozjant iż-żgħir qed jiġi offrut għajnuna sabiex ikabbar l-operat tiegħu. U bis-self employed fiċ-ċentru ta' l-ekonomija Għawdxija, ma nistgħux ma nkunux ta' pont bejnhom u l-opportunitajiet li qed jistennewhom.

L-ispirtu imprenditorjali fin-negozjant Għawdxi qatt ma kien nieqes. Kellna u għad għandna stejjer ta’ suċċess. Stejjer ta' imprendituri Għawdxin li mix-xejn ħolqu negozji kbar, kemm f'Malta u anke f'pajjiżi oħra fejn emigraw. Illum, f'Għawdex, għandna self employed b'iżjed klijenti f'Malta milli f'Għawdex. Għandna imprendituri żgħar li saħansitra qed jesportaw. Għandna negozjanti li qed jisfruttaw il-potenzjal ta' l-internet biex ibiegħu l-prodotti tagħhom barra minn xtutna. Għandna ekonomisti, esperti tas-swieq finanzjarji, li minn Għawdex jistgħu joperaw b'suċċess. U jeħtieġ li nkunu qribhom - negozjanti, imprendituri u self employed Għawdxin. Mhux biss biex niffaċilitaw il-proċess li permezz tiegħu jistgħu jakkwistaw fondi minn barra, imma biex nisimgħu l-ideat tagħhom u ngħinuhom jagħmluhom realtà.

Fil-ftit snin li għaddew diġà rajna eżempji ta' negozjanti u self employed li ma qagħdux jistennew iż-żmien jgħaddi u bdew jaħtfu l-opportunitajiet biex ikabbru l-operat tagħhom, jitgħallmu ħiliet ġodda u jippreparaw biex jagħmlu suċċess f'ambjent iżjed kompetittiv. Però dan għadu biss il-bidu għaliex il-bażi għadha qed tinbena. Għad fadal ostakli x'naqbżu. Għad fadlilna noffru post adattat lil bosta self employed li jixtiequ jkabbru l-operat tagħhom u m'għandhomx fejn. Għad nistgħu nerġgħu nagħtu ħajja liż-żona industrijali tagħna billi nikkonvertu partijiet minnha f'workshops, call centres u negozji oħra innovattivi, sostenibbli u li jagħmlu sens għal gżira bħal tagħna. L-istess japplika għas-settur ta' l-artiġġjanat, li kull ma jmur dejjem qed jikber. Għandna negozjanti żgħar li jbiegħu l-artiġġjanat tagħhom u li qed jistennew li jkollhom post xieraq minn fejn jaħdmu u jbiegħu l-prodotti tagħhom. Fuq kollox, għandna nieħdu ħsieb kull investitur Għawdxi li lest jinvesti flusu fil-gżira li fiha jgħix. Minflok ma nħallu l-ostakli jinġemgħu quddiemhom, għandna naqbżuhom magħhom sabiex niżviluppaw iżjed kummerċ sostenibbli, li jixraq lill-gżira tagħna.

Fl-istess kategorija tas-self employed, però bi sfidi differenti, għandna lil dawk involuti fis-settur agrikolu. Għalihom, f'Għawdex, hemm futur għaliex il-prodott agrikolu Għawdxi għandu post ċentrali fil-viżjoni tagħna għal turiżmu ta' kwalità. Lukandi u ristoranti għandhom jingħataw biżżejjed raġunijiet sabiex jagħżlu l-prodott Għawdxi u jisfruttaw il-potenzjal tiegħu. It-turist ta' kwalità jfittex ir-riċetti lokali, l-inbid lokali u l-ingredjenti lokali. L-agrituriżmu, fejn it-turist jitniżżel fl-għelieqi tagħna biex jesperjenza l-ħajja fl-għelieqi, jista’ jibdel il-ħajja ta' ħafna mill-bdiewa tagħna. L-agrituriżmu qed jiżviluppa mad-dinja kollha u qed isir fost l-akbar setturi turistiċi. It-turist qed jiskopri s-sbuħija li jimxi fl-għelieqi, li jgħin lil bidwi jaqta' l-frott u l-ħxejjex tiegħu, li jitgħallem iżjed dwar il-biedja u jistenna b'ħerqa biex filgħaxija jiekol il-prodott lokali misjur. U jieħu miegħu, fi tmiem il-btala, l-għasel, iż-żejt, il-kappar, it-tadam, il-melħ u l-ħwawar tal-post li jkun żar. Ma nistgħux ma nisfruttawx potenzjal bħal dan. L-istess bħall-agrituriżmu, it-turżimu tas-sajd jista' joffri lill-ftit sajjieda full time li fadal f'Għawdex sors ieħor ta' dħul innovattiv. Fuq kollox għandna nagħmlu aċċessibbli għall-bdiewa tagħna l-aħjar teknoloġija ġdida u metodi ta' ħidma innovattivi. Għandna nġibu esperti - anke minn barra - u nniżżluhom fl-għelieqi tagħna biex naraw x'potenzjal moħbi għad jista' jiġi sfruttat. Sabiex il-bdiewa tagħna jevitaw problemi li għalihom diġà hemm soluzzjoni. U biex jikkumplimenta dan kollu, għandna nħeġġu lill-poplu tagħna jagħżel il-prodotti ta' kwalità lokali - iżjed ġenwini, iżjed friski ... iżjed tagħna.

Il-viżjoni tagħna għal Għawdex jeħtieġ li tinkludi lil kulħadd u s-self employed, in-negozjanti ż-żgħar, l-artiġġjana u dawk kollha involuti fis-settur ta' l-agrikoltura, għandhom ikunu fil-qalba tagħha. Is-suċċess ta' gżiritna jiddependi wkoll mis-suċċess tagħhom.

1 comment:

Anonymous said...

Opportunitajiet kelma sabiha li trid tittiehed fil mument opportun u int dan dejjem ghamiltu filwaqt li Ghawdex dejjem gawda fkul attivita li ghamilt u l-Ghawdxin dejjem irrikorrew u nixtieq nirringrazzja mil Qalb lil- Maltin kolla tas sapport li jatuna meta huma jigu bi hgarom fkul attivita.Il Pass li jmiss hu appogg shih lejk b garanzija li bhan Nadurb li- intazel fl aqwa 10 rhula Ewropej ,Ghawdex ikum dejjem Hemm .
Grazzi