3.1.08

Entużjażmu

Kull ma jmur iżjed tiltaqa' ma' nies li ma jħossux li huma ta' partit jew t'ieħor. Xejn ġdid. Taqta' barra ftit eċċezzjonijiet żgħar, f'kull pajjiż modern iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed qed tikber dik il-parti tal-popolazzjoni li ma tappartjeni għall-ebda partit politiku. Iżjed qed jiżdiedu dawk in-nies li jħossuhom skomdi meta xi ħadd ipoġġihom f'kaxxa jew idendlihom tikketta m'għonqhom. Iżjed qed joktru dawk in-nies li jridu jinħelsu minn irbit biex ikunu jistgħu jħarsu lejn l-affarijiet mill-bogħod u l-għażliet tagħhom jagħmluhom b'moħħhom iżjed milli b'qalbhom. Fuq kollox tiela' ġenerazzjoni ġdida li trid li l-politiku jħeġġiġha biex taħseb u mhux jgħidilha kif għandha taħseb. Nieħu gost immens niltaqa' ma' nies bħal dawn, li bid-destin tal-pajjiż f'idejhom jistħoqqilhom l-ikbar rispett. U huwa fl-interess ta' kull politiku u ta' kull min għandu għal qalbu s-sistema demokratika ta' pajjiż li jara li din il-faxxa ta' nies tikber u tinfirex. Hija din il-kategorija ta' nies li tiggarantixxi riflessjoni u li għandha tixpruna lilna l-politiċi biex nirbħuha bil-fatti u bl-argumenti. B’xejn iżjed. Fuq kollox għandha tkun din il-parti tal-popolazzjoni li lill-partit li biddel lil Malta u li b'enerġija ġdida lest ikompli jmexxiha 'l quddiem - terġa' tafdah bit-tmexxija tal-pajjiż.

Għax konvint li kulħadd jista' jifhem li dan tagħna huwa żmien eċċitanti. Żmien ta' opportunitajiet kbar, li fih pajjiżna qed jagħmel il-qabża fil-kwalità li lkoll kemm aħna xtaqna. Dak li sa ftit snin ilu kien hemm min ħaseb li kien irraġġunġibbli jew li m'aħniex b’saħħitna biżżejjed biex naffrontawh, illum sar realtà. Il-mewġa li ħaddieħor beża' li se tkaxkarna, irkibniha u mexjin 'il quddiem. U filwaqt li qed niksbu r-rispett ta' popli oħra, ilkoll kemm aħna qed ingawdu minn livell ta' għajxien aħjar milli qatt kellna. U żmien bħal dan jitlob biss tmexxija enerġetika, li minflok ma tieqaf quddiem l-ostakli, tibdilhom fi sfidi. Minflok ma tibża' u tiddubita, tara l-potenzjal ta' niesha u timmira fil-għoli biex b'entużjażmu timxi 'il quddiem. Kien dan il-ħsieb tiegħi meta ftit tal-ġimgħat ilu kont il-Portugall biex l-Unjoni Ewropea tippremja lin-Nadur bħala waħda mill-aqwa għaxar destinazzjonijiet rurali emerġenti fl-Ewropa. Ikkonvinċejt ruħi iżjed minn qatt qabel li l-potenzjal tagħna huwa kbir.

U l-ikbar potenzjal li għandna jinsab fina l-Maltin u l-Għawdxin. Fil-ħaddiema tagħna nisa u rġiel. Fiż-żgħażagħ mimlija ideat u entużjażmu. U meta l-entużjażmu taqsmu ma' ħaddieħor, jirdoppja. Hekk rajna fil-Kunsill Lokali tan-Nadur meta ftaħna l-bibien beraħ għal kull min kellu x'joffri. Għal kull min ħass li jista' jgħin. Għal kull min nibtitlu idea. Għal kull min ma kellux ideat imma xtaq jaħdem biex l-idea ta' ħaddieħor tirnexxi. U ġbidna ħabel wieħed. Fassalna miri għolja - forsi ogħla milli qatt ħsibna li stajna nilħqu. Imma f'temp ta' ftit snin kulħadd ra l-bidla sseħħ. Għax wara li lestejna dak li l-iżjed kien meħtieġ - toroq, sistemi ta' traffiku, indafa u organizzazzjoni - dorna għal potenzjali moħbija. Fejn kien hemm għelieqi mhux maħduma, imlejnihom siġar. Fejn kien hemm widien mimlija frott, niżżilna t-turisti jimxu fihom biex jammiraw dak li jagħmel lil Għawdex meraviljuż. Fejn kien hemm it-talent, kxifnieh u ħeġġiġnieh. Fejn kien hemm fortifikazzjonijiet, irrestawrajnihom. Fejn kellna xi ħaġa differenti minn ta' ħaddieħor - irreklamajniha. Għamilna l-karnival tan-Nadur l-akbar avveniment xitwi f'Għawdex. Ġibna għadd ta' konferenzi minn barra, fosthom dik tal-Federazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival, li bis-saħħa tagħna għamilna l-karnival tagħna magħruf madwar l-Ewropa. Kellna postijiet mitluqa li bdilnihom fi playing fields, ġonna u beleveders, b'veduti mill-isbaħ. Ħloqna avvenimenti annwali, apparti l-karnival, li jattiraw eluf ta' nies. Għinna lill-istudenti tagħna jitgħallmu iżjed. Investejna fil-kotba, fl-edukazzjoni, it-tagħlim u l-isport. Ksejna l-grawnds tal-futbol tal-lokalità bil-ħaxix artifiċjali biex nattiraw iżjed tfal u żgħażagħ lejn l-isport. Naddafna l-bajjiet u żidna l-faċilitajiet għal dawk li jkunu qed igawduhom. Bnejna ħbiberiji ma' lokalitajiet oħra Ewropej b'ġemellaġġi u assoċjazzjonijiet u ħtafna kull opportunità li relazzjonijiet transkonfini bħal dawn iġibu magħhom. Fuq kollox ħadna inizjattivi li permezz tagħhom akkwistajna iżjed minn 200,000 ewro mill-Unjoni Ewropea, li minnhom qed igawdi l-poplu kollu. Sfruttajna kull potenzjal li kellna u bi programm serju u bl-involviment ta' kulħadd, inawgurajna proġett wieħed wara ieħor. U dan kollu grazzi għall-entużjażmu li ttrasferejna lill-poplu biex iħossu parti minn programm ta' ħidma. Il-lista ta' dak li fadal isir hi twila u ambizzjuża. Imma bl-entużjażmu u b'rieda soda minn dawk li se jkunu jiffurmaw il-Kunsill Lokali li jmiss, persważ li l-bidla tkompli.

Nemmen li dak li għamilna fin-Nadur jista' jsir f'Għawdex kollu biex lill-gżira tagħna nagħmluha mudell għal reġjuni oħra Ewropej. Huwa mument importanti għal Għawdex għax filwaqt li jrid iwettaq il-bidla li nixtiequ - ma jistax ipoġġi f'riskju dak li jagħmlu uniku. Huwa bilanċ delikat - bejn il-ħarsien ta' dak li jagħmel lil gżiritna post meraviljuż u l-progress li lkoll nixtiequ. Bilanċ li mhux biss jeħtieġ jinżamm imma li għandu jkun is-sigriet għas-suċċess tal-gżira tagħna. Nemmen li iżjed ma jkunu n-nies li tabilħaqq jirriflettu dwar l-importanza ta’ dan il-mument fl-istorja tagħna, iżjed ser tkun ċara l-għażla tal-poplu.

3 comments:

Anonymous said...

I have worked with Dr. Chris Said for the past nine years. I can say that he leaves you out of breath when it comes to initiatives for our locality. He is completed dedicated to his ambitions and dreams. If he is given a chance I am positive that he will dedicate himself to bettering Gozo as he has done with Nadur.

Anonymous said...

Awguri Dr Said!!

Anonymous said...

Ghalkemm miniex mir rahal tan nadur, il Dr. Said insegwih mil boghod izda l avvanzi li saru fin nadur nemmen li jista jwettaqhom go ghawdex biex iva ghaliex le ikun Ghawdex jkollu post li jixraqlu fl ewropa. Dan jista jsehh biss b nies motivati li jatu dak li ghawdex jixraqlu. Li kieku ma kienx il PN ghawdex ma sirlux l izvilluppi li kellu bzonn. Imma baqa hafna x isir fosthom fil mentalita tal poplu ghawdxi...
grazzi mil quddiem...