9.1.08

Sfidi ġodda. Żmien eċċitanti.

Jiġu mumenti matul is-sena li jġiegħluk tapprezza iżjed dak li verament huwa importanti fil-ħajja. L-għożża fil-familja, is-saħħa, l-imħabba, ir-rispett... U fl-aħħar mill-aħħar huwa dak li jrid il-poplu tagħna. Li jkollu xogħol biżżejjed biex jgħix ħajja trankwilla. Li jmur lura d-dar wara jum xogħol sodisfatt li għamel xi ħaġa produttiva, li kkontribwixxa b'xi mod għas-soċjetà li fiha jgħix u li permezz tagħha jista' jgawdi lil familtu u jgħix ħajtu kif jixtieq. Li jkollu s-servizzi tas-saħħa li għandu bżonn biex jieħu ħsieb saħħtu u saħħet l-għeżież tiegħu. Li jara lil uliedu jitgħallmu dak li hu ma kellux opportunità jitgħallem. Li jarahom jikbru u jsiru rġiel u nisa ta' rispett. Li jgħix ħajtu mingħajr ostakli żejda, waqt li jgawdi l-ambjent ta' madwaru u jara li ulied uliedu ser ikunu jistgħu jgawduh kif qed igawdih hu. U huwa dan li l-poplu jitlob minnha l-politiċi. Ma jagħżilnix biss biex naġixxu f'ismu u nirrappreżentawh. Jagħżilna fuq kollox biex immexxuh. Għax fil-pjan tagħna jkollu fiduċja u fil-kompetenza tagħna ma jiddubitax. U b'tali responsabbiltà huwa dmir tagħna li nħarsu fit-tul. Li nimxu bi pjan. Li ma nagħmlux l-iżball u nħarsu biss lejn il-gwadann instantanju imma li nibnu u npoġġu fis-seħħ pjan sostenibbli, li l-frott tiegħu jitgawda għal snin twal.

U huwa bi pjan bħal dan li lil Għawdex nistgħu nagħmluh gżira mudell għal reġjuni oħra madwar il-Mediterran. Għax Għawdex huwa differenti minn kull post ieħor u hija r-responsabbiltà tagħna li bil-politika tagħna mhux biss inżommu din id-distinzjoni imma nisfruttawha biex nagħmlu suċċess. Għadna fil-ħin li nagħmlu lil gżiritna gżira sostenibbli, li toffri xogħlijiet ġodda u attraenti lil kull min jixtieq jaħdem, filwaqt li tikkonserva dak li jagħmilha dak li hi. Ma nistgħux, għall-gwadann instantanju, nibdlu lil Għawdex f'sempliċi resort turistiku miżgħud bil-bini bħal ma ssib fil-kosta ta' ħafna pajjiżi oħra Mediterranji. Lil Għawdex nistgħu nagħmluh ħafna iżjed minn hekk jekk niffukaw fuq dak li jagħmlu uniku. Jekk niftakru li fuqu għandna l-eqdem binjiet magħmula mill-bniedem li fadal fid-dinja. Li fuqu ssibilna tradizzjonijiet, festi, mod ta' għajxien u rutini li jnessuk postijiet oħra. Li l-istorja tiegħu tmur lura eluf ta’ snin u li l-kultura tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel. F'dinja globalizzata, fejn tmur fejn tmur ta' spiss se ssib affarijiet simili, it-turist ta' kwalità qed ifittex postijiet li għarfu jżommu l-identità tagħhom u li joffrulu pakkett esklussiv, li ma jista' jsib imkien iehor. Li joffrulu attivitajiet li ma jinsihomx malajr u li permezz tagħhom il-popolazzjoni lokali taqla' għajxien tajjeb u tippriserva dak li jagħmilha differenti. Hija din l-isfida li għandna quddiemna u hija sfida mill-iżjed eċċitanti. Għax issa li pajjiżna sab postu fil-familja Ewropea u l-poplu tagħna qed juża l-istess munita bħal miljuni ta' Ewropej, wasal iż-żmien għall-pass li jmiss. Li nimmiraw fil-għoli biex nilħqu livelli ta' eċċellenza u li jissarrfu f'iżjed xogħol u fi kwalità ta' ħajja aħjar għal familji kollha tagħna.

Il-pjan tagħna għandu jinkludi li lil Għawdex nagħmluh mudell ta' kif għandha titħaddem gżira li tgawdi mix-xemx tul is-sena kollha. Gżira li tisfrutta l-potenzjal ta' l-enerġija rinnovabbli. Gżira li fiha jonqsu l-kontijiet tad-dawl u jiżdiedu l-pannelli solari fuq il-bjut tad-djar tagħna. Gżira b'sistema ta' trasport pubbliku efficjenti, irħis, li ma jniġġisx u li jaqdik. Gżira b'lukandi u stabbilimenti ekoloġiċi li joffru xogħlijiet attraenti u servizzi ta' kwalità li ma ssibhom imkien ieħor. Gżira b'kalendarju kulturali annwali rikk, mifrux fuq is-sena kollha u li jattira turiżmu ta' kwalità. Gżira li tospita avvenimenti internazzjonali - konferenzi, festivals, training camps u opportunitajiet ta' riċerka għal studenti u professjonisti barranin. Gżira li niesha jkollhom l-għodda li għandhom bżonn biex jimxu 'l quddiem u biex iħossuhom kburin bil-kisbiet tagħhom u jiġbdu lkoll ħabel wieħed. Gżira li għalkemm fiżikament maqtugħa minn postijiet oħra, toffri l-aqwa servizzi ta' trasport għal niesha u għal dawk li jridu jżuruha. Fuq kollox gżira li tattira l-investiment - barrani u lokali - u li toffri lill-investituri pakkett attraenti: ħaddiema mħarrġa, bieżla, entużjasti u li jitgħallmu malajr, gżira bilingwi fil-familja kbira Ewropea, kondizzjonijiet eċċellenti ta' għajxien, settur tas-servizzi effiċjenti u sigurtà finanzjarja.

Il-miri huma għolja u min hu ċiniku jista' jitbissem u joqgħod lura. Imma f'mumenti bħal dawn m'hemmx post għal min ipoġġi l-limitajiet qabel il-potenzjal. Żmien eċċitanti jitlob nies entużjasti. Bħal kull vjaġġ ieħor twil, dan tagħna jibda b'pass ċkejken. B'ħarsitna ffukata biss 'il quddiem. Ejja nxammru l-kmiem. Ejja nibdlu lill-gżira tagħna. Ejja noħolqu xogħol għal min m'għandux u xogħlijiet aħjar għal dawk li jixtiequ jkomplu javvanzaw, mingħajr ma npoġġu f'riskju s-sbuħija ta' gżiritna. Ejja noffru liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tagħna sfidi ġodda. Fuq kollox, ejja nemmnu fil-potenzjal tagħna u nitilqu għal dan il-vjaġġ. Bħas-soltu, iċ-ċiniċi jiġu jiġru biex jilħquna hekk kif jirrealizzaw li din tagħna, wara kollox, ma kenitx ħolma imma pjan li, bil-mod il-mod, qed isir realtà.

7 comments:

Unknown said...

Dr. Said nawguralek kull success ghall-elezzjoni li qed toqrob. Ghawdex ghandu bzonn nies bhalek illi jahdmu b'entuzjazmu u dinamizmu ghal gzira taghna b'mod kumplessiv u ghall-beneficcju ta' kulhadd.

Peter Darmanin said...

PROSIT Chris. Nifrahlek ghal din l-inizzjattiva li hadt.Nirringrazzjak talli ghogbok tibghatli din il-komunikazzjoni. Hija xhieda hajja ta' l-entuzjazmu u d-dinamizmu tieghek. Nawgura lilek u lil shabna kollha tal-Partit Nazzjonalista kull success fl-Elezzjoni Generali li dalwaqt tigi fuqna. Fuq kollox nawgura rebha ohra Nazzjonalista. Keep up the good work. Peter Darmanin

Georgina said...

Prosit, Chris! L-entuzjazmu tieghek ghandu jheggeg aktar nies jivvutaw lilek u lill-PN ghax b'nies bhalek il-partit jiggedded u joffri l-ahjar alternattiva ghat-tmexxija tal-pajjiz. Nixtieqlek kull success fil-hajja politika tieghek, ghax verament nemmen li tista' taghti kontribut kbir ghal gid ta' pajjizna.

Anonymous said...

Nammira hafna l-ambizzjoni u l-entuzjazmu li ghandek biex dejjem iggib il-lokalità u lil Ghawdex taghna il-quddiem. Dejjem tiehu inizzjattivi fi progetti godda u b’efficjenza kbira tara li dawn il-progetti jirnexxu u li jgawdu minnhom mhux biss il-poplu Malti u Ghawdxi izda anke t-turist. Nispera li l-poplu Ghawdxi jghatik ic-cans biex b'energija zaghzugha tkun tista tahdem ghal-Ghawdex taghna f’isem il-partit nazzjonalista.

Chris Said said...

Grazzi mill-qalb. Napprezza immens il-fiducja u l-appogg taghkom.

Anonymous said...

cris,bhal gid kolu li wettaqt fin nadur ghawdex andu bzonn l-istess.fuq kolox niringrazjak mil qalb tal hidma li wettaqt specjalment fil postijiet rikreattivi al uliedna.nghir meta nghid li ma adnix noqod go rahal tant attiv...nispera li fil qrib ghawdex ma jdumx ma jirkupra ax bl-entuzjazmu tijak nemmen li pajjizna ad igawdi!Good Luck chris u God Bless...

Unknown said...

Entuzjazmu.....aggettiv li jiddeskrivi li Chris Said perfettament!!! L-entuzjazmu, d-dedikazzjoni u l-imhabba li ghandek lejn Ghawdex u l-poplu tieghu hija xi haga inspjegabli. Dan int ma turihx biss bil-kliem, izda bil-fatti. Mera tal-hegga u l-ambizzjoni tieghek huma d-diversi inizjattivi li inti tiehu fi progetti godda biex igib il-lokalita tieghek u lil Ghawdex taghna il-quddiem. J'alla l-kunsilli kollha t'Ghawdex jiehdu l-motivazzjoni u l-ezempju tieghek, biex Ghawdex jinzamm dejjem haj u inkomplu inkabru isem gziritna internazzjonalment.
Chris int diga tajt hafna ghal Ghawdex u l-Ghawdxin! Issa wasal il-mument opportun biex ahna l-ghawdxin naghtuk xi haga lura....intuk il-fiducja taghna biex f'ismna tahdem ghal Ghawdex ahjar minn dak li diga huwa illum. Ghawdex ghandu bzonn nies bhallek. Nies mimlija b'energija u spirtu zghazugh! Nawguralek mill-qalb biex tilhaq il-miri tieghek ghax verament jixraqlek!